gov.mt

PR261595

PR261595

30/09/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ L-ewwel laqgħa tal-Bord ta’ Governanza għas-Servizzi Korrettivi

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield, indirizza l-ewwel laqgħa tal-Bord ta’ Governanza għas-Servizzi Korrettivi, li għandu jkun strument ewlieni fit-tfassil tad-direzzjoni strateġika u l-viżjoni fit-tul għas-servizz korrettivi f’pajjiżna.

Il-Bord huwa ppresedut minn Ashley Cumbo, u jinkludi lil Dr Janice Formosa Pace, il-Professur Joe Giordmaina, Justin Camilleri, l-eks assistant kummissarju tal-Pulizija Josie Brincat u s-Segretarja tal-Bord Nicole Farrugia.

Il-Bord ta’ Governanza, stabbilit skont ir-Regolamenti dwar il-Ħabs (Bord ta’ Governanza), għandu fost ir-responsabbiltajiet tiegħu li jfassal il-viżjoni, l-iskop u d-direzzjoni fit-tul tas-servizz, jiżviluppa dokument strateġiku, u jagħti pariri u rakkomandazzjonijiet dwar politiki u kwistjonijiet importanti li jaffettwaw is-servizz korrettiv.

Waqt l-ewwel laqgħa, il-Ministru Bedingfield qal li l-Bord għandu jkun iffukat fuq xogħol konkret, ibbażat fuq evidenza u informazzjoni, u li jwassal għal rakkomandazzjonijiet ċari fejn ikun hemm bżonn.

“Il-ħidma ta’ dan il-Bord mhijiex li jmexxi l-ħabs. Il-ħidma tiegħu hija li jgħinna niddeċiedu fejn għandu jkun sejjer is-servizz korrettiv, nifhmu l-isfidi li għandna quddiemna u nagħmlu l-bidliet meħtieġa. Irridu Bord li jistaqsi, janalizza, jisfida fejn hemm bżonn u jipproponi soluzzjonijiet konkreti,” qal il-Ministru Bedingfield.

Il-Ministru saħaq ukoll li l-Bord għandu jħossu liberu jitlob l-informazzjoni u r-rapporti meħtieġa, jiltaqa’ ma’ uffiċjali u esperti u jisma’ lill-organizzazzjonijiet li jaħdmu ma’ persuni fil-faċilitajiet korrettivi kif ukoll ma’ persuni li jkunu qed jerġgħu jibdew ħajjithom wara li jiskontaw is-sentenza tagħhom.

Fost l-aktar responsabbiltajiet importanti tal-Bord hemm it-tfassil ta’ dokument strateġiku fit-tul, li għandu jħares mhux biss lejn is-sitwazzjoni preżenti iżda wkoll lejn fejn għandu jasal is-servizz fis-snin li ġejjin.

Il-Ministru Bedingfield qal li l-Gvern diġà qed jinvesti fl-infrastruttura u fir-riżorsi umani fis-settur korrettiv, iżda enfasizza li dan l-investiment irid iwassal għal titjib konkret fis-servizz.

“Irridu nkunu ambizzjużi fil-viżjoni tagħna, iżda prattiċi fil-mod kif naslu għaliha. L-investiment fl-infrastruttura u fir-riżorsi umani huwa importanti, iżda l-għan aħħari għandu dejjem ikun servizz aħjar, aktar effettiv u li jħares lejn il-futur,” qal il-Ministru.

Il-Ministru awgura lill-membri tal-Bord kull suċċess fil-ħidma tagħhom u enfasizza l-importanza li l-Bord jaħdem b’mod kontinwu sabiex jikkontribwixxi għal servizz korrettiv aktar b’saħħtu u sostenibbli.


​